ĊENSIMENT 2005 - MALTA

Ċensiment2005 - sehmek jgħodd 27 ta' Novembru

     
Ċensiment 2005
 

 

 

 

 

 
 ROKNA LETTERARJA

 

Is-sors ta’ din l-istorja huwa: Stejjer u Kitba Oħra : it-tieni ktieb  / miġburin minn A. Cremona D.Lit.  Valletta: Progress Press, Edituri - Malta, 1965. Drittijiet ta’ l-Awtur - Akkademja tal-Malti (Għaqda tal-Kittieba tal-Malti). It-test qiegħed jidher fuq dan is-sit bil-permess ġentili ta’ l-Akkademja tal-Malti.

 

 

 

LUKARDA U L-GĦADD TAN-NIES

“Inti Lukarda Grima?”

“Jien, biex inservik.”

“Hawn il-karta taċ-Ċensiment.”

“Jien ma għandix bżonn ta’ karti.”

“Huwa mhux kif trid.  Inħallihielek biex timlieha.”

“X’nimla, papasek?  Biex ġej dal-għodu?”

“Jekk ma tafx tikteb nimlihielek jien.  Agħtini fejn inpoġġi għax għandi xi mitejn karta oħra x’inqassam.”

“Iva għidli sewwa xi trid? Min bagħtek, sid il-kera?”

“U din ħaġa tal-Gvern:  Iċ-ċensiment.  Ara li kulma nsaqsik twiġibni sewwa għax għal kull kelma b’oħra tista’ teħel nofs lira.  Mela għidli : kemm-il kamra għandek fid-dar?”

“Dan li tara l-wisa’ kollu li għandi.  Xi ħsibtha dari, il-palazz ta’ Kannirju?  U int, nagħmilha tal-belha, x’jippurtak x’wisa’ għandi?”

“Għax irrid inniżżlu f’dil-karta,u ttellifnix żmien.  Int jismek Lukarda Grima hux?”

“Stenna la għandi ngħid kollox kif inhu.  Jien luprament mhux Lukarda jisimni, igħajtuli hekk, imma parrinti Lutgarda semmietni.  Ħa nurik il-fidi tal-Magħmudija, m’ilux li rfajtha ... stenna ...”

“U ħallik mill-fidi, ma rrid nara xejn, u eħlisni għax imgħaġġel.”

“Ara ħa, jekk ma temminix.  Għax parrinti kienet sinjura kbira, taqra l-ġurnata kollha.  Lil ommi qaltilha “jekk lit-tarbija tagħtiha ismi nħallilek par imsielet tad-deheb u ċintill.”  U hallithomli taf...  Kemm int bla paċenzja, għidtlek is-sewwa għax ma rridx, kif heddidtni, neħel xi nofs lira.”

“Dan kollu telf ta’ żmien għalija.  Lukarda sejjer nikteb.”

“Ikteb li trid, ħsieb ruħek; jien wissejtek u l-pinna f’idejk.”

“Kemm-il sena għandek?”

“Dan ukoll trid taf?  Għandi kemm għandi, mhux affari tiegħek jew tal-Gvern, kemm ngħodd.”

“Ser nikteb sittin, għad li żgur għandek iżjed – ħalli nara l-fidi tal-Magħmudija.”

“Int ma għidtx li ma jimpurtakx mill-fidi?  Mela tara xejn.  Għalaqt l-erbgħin sa hawn ingħidlek.  Ara li ma tniżżilx sittin għax tavvilini mal-ġirien u ttellifli ħobżi.  Min iqabbadni naqdih jekk tgħidilhom li jien imdaħħla fiż-żmien?”

“Fejn sejra b’rasek?  Din ħaġa sigrieta, ħadd ma jkun jaf xi ktibt.”

“Mela ikteb li ngħid jien... ara xi bniedem dan.”

“Int ħalli f’idejja. Int il-kap tad-dar hux? Xebba?”

“Armla, jaħasra, u la raġel u la tfal.  Żewġi miet bil-korla erbgħin sena ilu, imma jien dejjem għext bl-unur.”

“Mela waħdek qiegħda?”

“Waħdi kif tarani.”

“Fejn twelidt?”

“Dan ukoll trid?  tridx taf x’kilt il-bieraħ ukoll?”

“Eħlisni, tridx, u wieġeb għall-mistoqsijiet tiegħi.”

“Twelidt Balzunetta, wara San Kalċidonju.”

“Nazzjonalita’ Ingliża, hux?”

“Ingliża? Missieri u ommi kien Maltin minn Bormla.  Wiċċ ta’ Ingliża għandi, mela għajnejk bis-surprissat dalgħodu? Stajt kont Ingliża madankollu għax darba għarrsuni ma’ kapural tas-sappers ta’ ħada l-Kabuċċini, imma ż-żwieġ ma seħħx.”

“Skola, nistħajjel ma tmurx.”

“Ġie li mort l-iskola għax parrinti riditni nitgħallem, imma d-Dutrina biss għallmuni u mbagħad ħriġt.”

“X’tagħmel?”

“Li jiġi għal idejja.”

“Din mhix risposta – ħassiela, ħajjata, modista?”

“Ħajjata tal-għenienel kont u qlajt flus kemm ridt, imma l-lum min jilbes kappell ta’ xelin ma jħitx għonnella ta’ żewġ liri.  U għajnejja ma jagħtunix aktar.  Il-lum għal xi qadja bqajt.”

“Mela nikteb, “qaddejja.”

“Aħjar. U għid li naqdi l-aħjar nies u jafdawni b’għajnejhom magħluqa, għax mara tar-ruħ.  Tridx insemmilek in-nies li jdaħħluni f’darhom?”

“Le, Le... fejn taħdem?”

“La naqdi, naħdem fejn jibagħtuni.  Il-bieraħ mort il-Birgu u nżilt sal-Kalkara, il-biraħt lula wasalt sa Ħal Qormi.  Lili tgħidlix fejn naħdem. Niġri ma’ Malta kollha, avolja għajjartni xiħa.”

“Tajjeb, ser nikteb li l-post fejn taħdem mhux fiss.”

“Ikteb li x-xjafek trid.  Il-pinna mhix f’idejk?”

“Biex taf titħaddet?”

“Mhux bil-Malti kellimtek?  Jew trid tgħid li għandi lsieni twil?”

“Le, irrid infisser ruħi, taf titħaddet b’ xi lsien ieħor barra mill-Malti.  Bl-Ingliż jew bit-Taljan, ingħidu aħna?”

“Xi kelma, ħażin, ħażin nitkellem. Din it-Taljana ta’ ma’ ġenbi sikwit tpaċpaċ miegħi: “Lukarda cumpramu favetta oggi?”  “cumpramu”.  “Lukarda chiama la scarparu – chiusu sinjura”  u sejrin dejjem. Bl-Ingliż? lanqas irrid niftakar. Mal-kapural kont sejra ħarir.  Xi kelma mgħawġa ‘l hawn u ‘l hinn, imma ftehemna dejjem.”

“Biżżejjed.  Taf tikteb?”

“Hawn qbadtni.  Nikteb ma nafx.”

“Ħa zoomma l-karta, nhar it-Tnejn ngħaddi għaliha.  Tħallix min jikteb ħadd fiha.”

Meta ħareġ, Lukarda baqgħet tħares lejh bil-gozz karti taħt abtu sa ma dar il-kantuniera.  “Dal-ġuvni nafu,” qalet bejnha u bejn ruħha.  “Kemm-il darba rajtu nieżel lejn il-Barrakka l-qadima b’kelb tal-kaċċa marbut b’ lazz aħmar ta’ l-inkwatri, mur aħseb x’ kien xogħlu!  Idur bil-kelb u meta jixba’ jistieħes man-nies u jitkixxef x’isir f’darhom. Qal li bagħtu l-Gvern u għalhekk nistħajjel li jħallsu.  Din ġdida, niex imħallsin biex jistħarrġu l-poplu, għalhekk il-Gvern m’għandux flus.  Il-lejla stess naqta’ l-kurżita’ x’ inhi dil-biċċa.  Nistaqsi lil Guze’ tal-grocer li dejjem jaqra l-gazzetti; b’ liema dritt jiġi bniedem fuqek u jrid jaf kemm-il sena għandek u x’ tagħmel.  Forsi wara din il-Gvern joħroġli x-xahar.  Mhux li kien.  Xi ħaġa għandhom f’rashom dan-nies.  Iġri nara lil Guże’.”

Minn “Leħen il-Malti” Mejju ta’ l-1931.


 Niżżel in-novella pdf minn hawn

 

 

Malta Government Website

National Statistics Office  Ċaħda   |   Segretezza Personali

Copyright 2005
National Statistics Office